top of page
Imħabba fid-diversita` kollha tagħha, niket, tħassib, ħolm u tiftix, ilkoll jagħmlu parti minn din l-antoloġija li Patrick Sammut u Andrew Sciberras qasmu flimkien. Fil-poeżija ta’ Patrick, minsuġa bi stil mexxej li jiftiehem imma fl-istess waqt rikka u oriġinali fil-metafora, joħroġ it-tiftix waqt il-vjaġġ uman tal-ħajja, tiftix għall-imħabba mixtieqa u dejjiema, għall-paċi u s-serħan tal-moħħ u tal-qalb kif ukoll in-niket tiegħu għall-firda minn ma’ ommu. Biex iseħħlu jesprimi dan, huwa jitħabbeb mas-silenzju u jiddjaloga miegħu u permezz tiegħu ma’ Alla donnu biex jakkwista kompromess jew risposta. Għalih is-silenzju mhux nuqqas iżda attribut, privileġġ u għodda meħtieġa. Fil-biċċa l-kbira tal-poeżiji tiegħu, il-versi huma ċari u diretti. Il-kjaroskur, imma, ma jonqosx f’xi waqtiet.

Eż. “...ta’ fommi sieket jien, imma
Joqtluni s-silenzji ta’ bejni u bejnek... (minnFlimkien Interrqu,paġna 15)

Imbagħad iktar ‘l isfel fl-istess poeżija fejn tispikka r-riflessjoni li tista’ tgħid tfiġġ f’kull poeżija tiegħu

“...nistaqsi, min hu l-eħrex
Il-kelma jew is-silenzju?...”

U jfittex it-tweġibiet fil-baħar, fin-nifs, fis-solitudni bil-ħsejjes mondani u naturali tal-jum u l-lejl.

Fuq in-naħa l-oħra għandna lil Andrew Sciberras, poeta prolifiku ħafna imma fl-istess waqt xi ftit arkan. Il-poeżija tiegħu trid żmien u konċentrazzjoni assoluta għax l-istil li jħaddem fil-versi tiegħu hu mgħaġġel u n-nuqqas ta’ punteġġjatura f’xi ħinijiet (ovvjament maħsuba apposta biex tħalli l-effett mixtieq) kapaċi taqtagħlek nifsek u ttellfek milli tifhem sew fejn ried jasal. Fid-damma tiegħu jinħass id-diżappunt, kważi l-qtugħ ta’ qalb li jsib dak li qed ifittex, jiġifieri l-ideal. It-temi li jittratta huma l-ambjent u t-tibdil deterjoranti fil-klima, dik naturali kif ukoll dik li qed tiddeġenera fil-ħajja umana. Is-similitudnijiet u l-metafori tiegħu huma twal u elaborati ħafna u juru kemm Andrew hu mrawwem sew fil-binja tal-poeżija u midħla tal-Mitoloġija.



“...u jien Axanti
Abitant tal-ġungla mistagħdra
Nitgerbeb żigromblu
Nisserrep, nixxaqleb
Ġo savana sterili nitqalleb
F’għelieqi fertili
Niżbokka u niżbroffa
F’bottijiet nibbottilja
Nagħniegħ u faqqiegħ
Maħżuna fl-imħażen
Taż-żmien għawwiem...” (minnBewsa,paġna 22)

Kollox ma' kollox din l-antoloġija minsuġa b’vers ħieles u ritmi differenti hi waħda ta’ bilanċ u kien għalhekk tabilħaqq f’postu li ħejjew sinkronazzjoni ta’ poeżija kull wieħed wara xulxin għax hekk tista’ tapprezza aħjar il-kontenut letterarju għoli tat-tnejn.Traġitti, kif jixhed l-isem, hu sensiela ta’ vjaġġi bejn ruħ u oħra, ta’ esperjenzi speċjali u kulturali fl-isfond tad-dinja kif jarawha ż-żewġ poeti bil-preġji u d-difetti li tħaddan u toffri lill-bniedem.

Traġitti

€8.00 Regular Price
€7.40Sale Price
  • Format

    Paperback / softback
  • Author

    Patrick J. Sammut


You might also be interested in reading ...

Please take a few seconds to read our terms of purchase We are a small indie bookshop with a small team of two people. Orders may thus take longer than from bigger online suppliers. Please allow a minimum of 15 to 20 working days for any items that are not immediately available from stock.  We also ship worldwide.  Get in touch for quotations.  Unless otherwise specified, please assume the product shown is a paperback. Kindly check the ISBN number to confirm the specific edition. Images are for illustrative purposes only so if you require a specific edition for collection purposes please get in touch before placing an order. ​If you require item as a gift, please add a comment at checkout so that any price tags are removed.  Please note that in case of pre-orders, these will only be dispatched after publication date and may be subject to embargos set by the publisher.

bottom of page